Il-websajt tal-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni, li ġiet imġedda kompletament, tipprovdi appoġġ saħansitra aktar prattiku għall-kumpaniji u l-ħaddiema li jistgħu jkunu esposti għal aġenti li jikkawżaw il-kanċer. Din l-għodda tgħin fl-identifikazzjoni ta’ riskji potenzjali (karċinoġenu + espożizzjoni) billi tibda bis-settur jew l-okkupazzjoni, jew sustanza karċinoġenika magħrufa. Ladarba l-karċinoġenu jew l-espożizzjoni jiġu identifikati, l-għodda tipproponi soluzzjonijiet immirati dwar kif jiġu protetti min iħaddem, u tagħti informazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet legali.
Kun af dak li qed taħdem bih
Kull sena fl-UE, madwar 100,000 persuna jmutu bil-kanċer li jkun ikkawżat minn espożizzjoni għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol. U aktar minn 120,000 persuna jiġu djanjostikati b’kanċer relatat max-xogħol. Billi jipprovdi din l-informazzjoni preċiża, il-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni jgħin lil min iħaddem u lill-ħaddiema biex jevalwaw jekk il-karċinoġeni humiex rilevanti għax-xogħol tagħhom u jindika miżuri adegwati ta’ mmaniġġjar tar-riskju għas-setturi u l-okkupazzjonijiet tagħhom.
Tliet punti ewlenin
Jekk trid tkun taf jekk aġenti li jikkawżaw il-kanċer jistgħux jinstabu fis-settur jew fl-okkupazzjoni tiegħek, huwa possibbli li taċċessa din l-informazzjoni, billi tibda mis-settur jew mill-okkupazzjoni . Ħafna soluzzjonijiet u eżempji huma pprovduti rigward miżuri ta’ protezzjoni, skont il-prinċipju STOP (li jibdew bis-sostituzzjoni, miżuri tekniċi, miżuri organizzattivi u protezzjoni personali). Jekk diġà taf li taħdem ma’ karċinoġeni, jew li qed jiġu ġġenerati karċinoġeni waqt proċess fil-post tax-xogħol tiegħek (eż. dħaħen tal-iwweldjar), tista’ ssib l-informazzjoni prattika u legali importanti kollha fl- iskedi informattivi komprensivi rispettivi.
Informazzjoni ċara u prattika
Wieħed mill-għanijiet ewlenin ta’ dan is-sit elettroniku ġdid huwa li jagħmel il-volum dejjem jikber ta’ informazzjoni dwar il-karċinoġeni fil-kuntest tax-xogħol aktar aċċessibbli. L-informazzjoni kollha meħtieġa hija pprovduta f’folji informattivi qosra u faċli biex jinftiehmu. Mill-identifikazzjoni ta’ sustanzi karċinoġeniċi, inti tiġi ggwidat lejn miżuri u soluzzjonijiet. Ladarba tkun taf bhiex qed taħdem, dejjem ikun possibbli li tidħol f’aktar dettalji jekk ikun hemm bżonn.
Dwar il-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni
Il-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni huwa skema ta’ azzjoni volontarja tal-UE biex tipprevjeni lill-ħaddiema milli jkunu esposti għal karċinoġeni fuq il-post tax-xogħol. Aħna nħeġġu u ngħinu lil oħrajn biex iqajmu kuxjenza u jieħdu azzjoni billi jaqsmu l-għarfien, is-soluzzjonijiet u l-għodod. Ministeri ta’ ħafna pajjiżi tal-UE huma impenjati għall-Pjan Direzzjonali dwar il-Karċinoġeni, kif ukoll il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejdjunjins – ETUC (ħaddiema Ewropej), BusinessEurope (impjegaturi Ewropej), l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA), l-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (ECHA) u l-Kummissjoni Ewropea. Ikklikkja hawn għal aktar dettalji .